(#WIZ11): Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra fiż-Żejtun

L-aktar deskrizzjonijiet bikrin tal-bini tal-knisja l-ġdida ta’ Santa Katerina taż-Żejtun jistgħu jinqraw fir-rapporti taż-żjarat pastorali li nġabru lejn l-aħħar tas-seklu sbatax u l-bidu tas-seklu tmintax, filwaqt li r-rakkonti storiċi, bħal dak ta’ Giovanni Ciantar, Malta Illustrata, jagħmlu referenza biss għall-knisja parrokkjali mingħajr ma jidħlu f’deskrizzjonijiet iddettaljati. Id-Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo ta’ Achille Ferres forsi tipprovdi aktar materjal rilevanti, għalkemm tonqos milli tirrikonoxxi d-diversi modifiki u estensjonijiet li kienu saru lill-knisja parrokkjali sa dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kobba mħabbla li hija l-istorja mqanqla tal-knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun setgħet tinħall biss permezz tal-konsultazzjoni ta’ diversi reġistri tal-kontijiet tal-knisja. B’hekk dan l-istudju jpoġġi l-arkitettura tal-knisja – li diġà hija aspett ċentrali tat-tessut urban tar-raħal – fiċ-ċentru tal-ħajja ekonomika, soċjali u reliġjuża tan-nies tal-post. Il-knisja, għalhekk, ma kinitx biss sors ta’ dħul finanzjarju għal għadd kbir ta’ individwi, iżda kellha rwol saħansitra aktar sinifikanti fit-tkattir tal-identità tar-raħal.

Dan il-ktieb jiġbor fih ir-riċerka li għamlet Giulia Privitelli u li ippreżentat bħala t-teżi tagħha fil-Baċellerat tal-Arti u l-Istorja tal-Arti.