(#WIZ 08): Għamlulna Ġieħ: Xandru Farrugia u ibnu Ġanni

Is-sensiela “Għamlulna Ġieħ” waslet fit-tielet pubblikazzjoni tagħha b’dan il-ktieb iddedikat lil żewġ artiġjani Żwieten, missier u iben, li t-tnejn ħallewlna teżori artistiċi li għadna ngawdu sal-lum. Allessandro
Farrugia, magħruf bħala Xandru u ibnu Giovanni, magħruf bħala Ġanni huma ż-żewġ protagonisti f ’dan il-ktieb.

Is-Sur Clifford Galea Vella studja x-xogħol ta’ Xandru bħala parti mit-teżi tiegħu tal-Masters fl-Istudju tal-Barokk u f ’dan il-ktieb qed nippubblikaw parti minn din ir-riċerka. Is-Sur Galea Vella jagħti sfond storiku tal-iżvilupp fl-arti tal-iskultura Barokka b’referenza speċjali għax-xogħol ta’ statwarji u skulturi Maltin. Permezz t’hekk joħroġ aktar b’saħħtu l-iskultur Farrugia, li taħt l-imgħallem tiegħu Marjanu Girada, kellu l-aqwa taħriġ biex jiżviluppa t-talent tiegħu.

Permezz ta’ dan il-ktieb qed noffru wkoll spazju lit-tim ta’ restawraturi Atelier del Restauro sabiex jaqsmu mal-qarrej ħidmet ir-restawratur professjonali fil-konservazzjoni u r-restawr tal-istatwa titulari ta’ San Pawl fil-Parroċċa ta’ Ħal Safi. L-awturi li huma r-restawraturi stess, jispjegaw l-importanza tal-istudju u l-analiżi meħtieġa qabel wieħed jintervjeni fuq il- wirt artistiku.

Ir-riċerkatur tal-istorja, is-Sur Michael Buhagiar jiġbor it-tagħrif li ltaqa’ miegħu waqt ir-riċerka dwar iben Xandru, Ġanni, li sa miċ-ċokon ħadem fl-istess ħanut tax-xogħol ma’ missieru ġewwa ż-Żejtun.

Nittamaw li dan il-ktieb ikompli jwassal l-għarfien dwar iż-Żwieten li għamlulna ġieħ, bil-ħidma artistika u l-impenn soċjali tagħhom fost il-komunita’ ta’ qabilna. Dan sabiex ikunu ta’ eżempju għalina u għal dawk li ġejjin warajna. Aktar informazzjoni……

Price: €10

(NOTE: If you are from a foreign country please fill-in the form and thick the respective radio button.  Do not proceed with payment as we will be replying back informing you about the postage charges.  Thank you.)